Albert Buttigieg | Ministru, kif torqod billejl?
“Qed nagħmel din il-mistoqsija f’kuntest mhux biss ta’ diskussjoni politika imma anke għax dan l-aħħar il-Ministru ġie kkritikat ħafna”

Din mhix mistoqsija fuq il-ħajja privata tal-Ministru Byron Camilleri. Il-ħajja privata ta’ kull politiku għandha tkun imħarsa sakemm ma tkunx waħda li tmur kontra l-liġi. Lanqas mhi mistoqsija b’attakk personali fuq il-Ministru. Nistqarr li għalkemm għandna opinjoni politika differenti, hemm rispett reċiproku bejnietna.
Allura għalfejn qiegħed nistaqsi din il-mistoqsija? Qed nagħmel din il-mistoqsija f’kuntest mhux biss ta’ diskussjoni politika imma anke għax dan l-aħħar il-Ministru ġie kkritikat ħafna, anke minni, fuq numru ta’ nuqqasijiet serji li seħħew fil-pajjiż fejn jidħlu responsabbiltajiet li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħu.
L-Immigranti
Ħa nibda mill-aħħar każ li seħħ u li ftit kien hemm attenzjoni fuqu.
Minn memo interna fl-UE maħruġ f’Settembru 2024 mill-missjoni ta’ salvataġġ ta’ persuni fil-Baħar Mediterran imsejjaħ IRINI, ġie llikjat (leaked) li Malta, b’mod sistematiku, ‘irrifjutat’ li ssalva persuni fil-baħar fiż-żona li Malta hija responsabbli għaliha.
Għalkemm Malta salvat madwar 92 immigrant f’dan il-perjodu, maġġoranza kbira oħra kienu, jew salvati mill-Italja (għalkemm din ma kellhiex responsabbiltà għaliex mhux fiż-żona tagħha), jew inkella għerqu! Il-Baħar Mediterran spiċċa donnu ċimiterju!
F’dan il-memo hemm li Malta, għal diversi drabi, irrifjutat milli ssegwi l-proċeduri u l-ftehim li pajjiżna stess qabel miegħu! Dan ifisser li naqas minn dmiru!
Għalkemm nifhem li l-kwistjoni tal-immigranti illegali hija kwistjoni taħraq u m’hemmx soluzzjoni waħda faċli, nemmen bis-sħiħ li quddiem traġedji umani ma nistgħux indawru wiċċna, aktar u aktar meta pajjiżna qabel u ffirma li jagħmel dan!
Sfortunatament, f’pajjiżna hawn ukoll livell għoli ta’ razzimu taħt l-iskuża ta’ patrijottiżmu! Xi drabi l-aktar persuni li huma razzisti huma dawk li mbagħad joqogħdu jperrċu stampi tal-qaddisin u jinsew il-valuri Nsara kollha tagħhom!
Sfortunatament ukoll, fid-dawl li diversi ċittadini huma mħassba fuq din il-kwistjoni, ftit huma dawk il-politiċi li jissugraw joħorġu jitkellmu fuq dan is-suġġett! Jibżgħu li jgerrxu lill-votanti tagħhom!
Imma nemmen bis-sħiħ li jekk wieħed daħal fil-politika biex jiddefendi d-dinjità umana, allura jrid ikollu l-kuraġġ isemma’ leħnu ... anke jekk se jidher ikrah ma’ xi wħud!
Id-dinjità umana għandha dejjem u kullimkien tkun imħarsa.
Jekk wieħed jaqbel li l-ħajja hija sagra f’ġuf ta’ mara u huwa favur il-ħajja mill-bidu nett, allura jrid jibqa’ konsistenti u jtenni li l-ħajja mhix biss sagra f’ġuf ta’ mara imma anke meta din il-ħajja tkun qed titqalleb mal-mewġ tal-baħar b’tama għal ħajja aħjar. Jekk wieħed irid ikun kredibbli, allura jrid ikun konsistenti wkoll!
Ma nistax nifhem kif wieħed jista’ jorqod fil-kwiet u jpoġġi rasu mal-imħadda meta jaf li hemm persuni, fosthom nisa u tfal li qegħdin jegħrqu u jitilfu ħajjithom! Kif nistgħu nagħlqu għajnejna jew indawru wiċċna taħt skuża jew oħra?
14-il suwiċidju
L-istess Ministru jrid jgħix bil-kuxjenza li taħt ir-responsabbiltà tiegħu tilfu ħajjithom 14-il persuna li kienu fil-ħabs. Kieku dawn mietu, wieħed ma kien jgħid xejn għaliex ilkoll xi darba jew oħra rridu ngħaddu minn din l-esperjenza. Dawn l-14-il persuna qatlu lilhom infushom fil-ħabs! Kull suwiċidju huwa traġedja umana. Huwa ta’ għajb mhux biss għad-Direttur li kien hemm imma anke għall-Ministru li baqa’ jiddefendi lil dan id-Direttur u stenna li jmutu 14-il persuna biex ikeċċih u taħ transfer għal-Libja. Nispera li dak li kien jagħmel ġewwa l-ħabs ta’ Kordin mhux qiegħed jagħmlu fil-Libja!
Mhux hekk biss. F’rapport li sar mill-Ombudsman fuq kif kien qiegħed jitmexxa l-ħabs, ħareġ ċar li matul dan iż-żmien, il-ħabs sar donnu ‘fabbrika ta’ torturi’!
Għalkemm persuni li qegħdin ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin mhumiex xi anġli u jinsabu hemm minħabba li mhumiex anġli, xorta jibqa’ l-fatt li dawn huma persuni b’dinjità umana. Għaldaqstant, filwaqt li huma qegħdin iħallsu ta’ u għal għemilhom, xorta għandhom ikunu trattati b’mod dinjituż.
Huwa fl-interss tagħna li matul żmienhom ġewwa l-ħabs, ibiddlu ħajjithom ħalli meta joħorġu lura fis-soċjetà ma jerġgħux iwettqulha l-ħsara. Li wieħed jistmahom ħażin, ifisser li qiegħed joħloq fihom sens ta’ vendetta li huma jridu jpattu lura!
Droga u nuqqas ta’ infurzar
Każ ieħor li rrid insemmi huwa dak li ġara dan l-aħħar fis-serqa ta’ kwantità kbira ta’ droga mill-aktar post suppost sigur f’pajjiżna! Din id-droga issa tinsab fit-triq. Bħala politku, imma anke bħala ġenitur, din hija inkwetanti ħafna. Mhux biss ħareġ li l-barracks tas-suldati tagħna mhuwiex post sigur imma ħareġ ukoll li din id-droga se tkompli tagħmel ħsara lil uliedna!
Dan aktar u aktar meta l-Gvern Laburista m’għandu l-ebda intenzjoni li jinforza l-liġi fuq il-konsum tad-droga tal-kannabis. Naħseb kulħadd ixomm bħali. Ma tistax tgħaddi minn toroq li wieħed ma jxommx ir-riħa tal-kannabis! F’mistoqsija li għamilt fil-Parlament lill-Ministru Byron Camilleri ta’ kemm persuni nqabdu jpejpu l-ħaxixa ġewwa Paceville minn Mejju sa Ottubru 2024, jiġifieri f’perjodu tas-sajf ta’ sitt xhur, il-Ministru wieġeb li l-Pulizija qabdet biss persuna waħda! Għal mistoqsija oħra ta’ kemm persuni nqabdu jsuqu l-vetturi tagħhom taħt l-effett tal-kannabis, il-Ministru weġibni li ma nqabad ħadd! Minn dawn ir-risposti joħroġ ċar in-nuqqas ta’ infurzar tal-liġijiet!
Dawn l-eżempji kollha msemmijin għandhom ikunu wġigħ ta’ ras għal Ministru Camilleri. Naf li l-Ministru m’għandux biċċa xogħol faċli u nistqarr ukoll li għamel ħwejjeġ tajbin bħala Ministru. Imma xorta jibqa’ l-fatt, li dawn il-każijiet seħħew!
Kieku kont f’postu, żgur ma kontx norqod billejl meta naf li filwaqt li jien komdu rieqed fil-ġabra tal-familja, hemm persuni li qegħdin imutu mgħerrqa, oħrajn maltratti fil-ħabs tant li erbatax minnhom wettqu suwiċidju, u li fit-toroq tagħna hemm aktar droga tagħmel ħsara lil uliedna!