.png)
Editorjal | Inħaddru lil Malta imma kif?
'Għalxejn isir xogħol u investiment f’dawn il-proġetti meta m’hemmx kontinġenza biex isir manteniment fuq medda ta’ snin.'

Malta għandha idea ristretta ta’ ambjent. Bla dubju ta’ xejn ix-xogħol ta’ Project Green huwa xogħol importanti. Imma hemm element fl-approċċ tal-proġetti ta’ Project Green li jikxfu atteġġjament tradizzjonali u antik ta’ kif iħarsu lejn l-ambjent. L-ambjent, b’mod speċjali lil hinn mill-ibliet, ħafna drabi ma jkollux bżonn ħarsien imma protezzjoni.
Huwa tajjeb li jkun hemm passaġġi fejn jistgħu jimxu n-nies jew inkella jistrieħu, imma iktar importanti minn hekk hu li l-ambjent naturali jitħalla jitkattar waħdu mingħajr indħil. Żgur hemm min fl-Era qed jitkellem hekk. Huwa għalhekk li l-proġetti ta’ Project Green għandhom iħarsu lejn iż-żoni urbani u mhux dawk naturali. L-ERA għandha tkun il-gwardjan ta’ dawk iż-żoni naturali.
Hemm ħaġa oħra importanti li għandna nżommu f’moħħna. Meta jsiru proġetti rridu noqogħdu attenti li ma nagħmlux dawn il-ġonna urbani gaġeġ b’sigurtà żejda. Vera hemm vandaliżmu kullimkien, imma huwa ferm aktar importanti li jkun hemm sentiment ta’ ftuħ u libertà.
Oġġett ieħor importanti huwa l-manteniment ta’ dawn il-postijiet. Għalxejn isir xogħol u investiment f’dawn il-proġetti meta m’hemmx kontinġenza biex isir manteniment fuq medda ta’ snin. Irid ikun hemm ukoll moniteraġġ kontinwu għal dawk l-imsaġar li jmutu minħabba mard u nuqqas ta’ ilma.
Fuq kollox ma nistgħux ma nfaħħrux l-inizjattiva ta’ Project Green għax l-inizjattiva hija waħda li tkompli toffri spazji miftuħa lill-Maltin u Għawdxin apparti l-kampanja limitata li nsibu f’pajjiżna.
Id-difiża
Hemm bżonn li nibdew diskussjoni serja fuq id-difiża u kif għandhom ikunu l-Forzi Armati tagħna. Forsi bħalissa mhux l-iktar żmien tajjeb, għax jidher ċar li l-Gvern minflok ma jwaħħal fit-tmexxija fuq is-serqa ta’ droga minn taħt l-għajn tal-AFM, qed iwaħħal fiż-żgħir. Imma hemm bżonn diskussjoni llum qabel għada. Se nkomplu nirrepetu dan sakemm naraw li jkun hemm rieda tajba mingħand kulħadd u jkun hemm maturità biżżejjed biex naraw li fuq din il-kwistjoni għandna bżonn konverġenza.
Ir-rapport tal-IMF
Suġġeriment tal-IMF (International Monetary Fund) kien li biex jitrażżnu n-numru ta’ karozzi, għandhom jiddaħħlu miżuri fiskali. Idea tajba imma Neo-Liberali li tippenalizza liż-żgħir u tippremja lill-kbir. Hemm soluzzjonijiet oħra biex innaqqsu l-karozzi fit-triq u ċertament huma ferm aħjar mis-suġġeriment ta’ xi ekonomista tekniku ’l bogħod mir-realtajiet Maltin.